L-MŻPN jifraħ lil studenti Maltin li rebħu kompetizzjoni tal-Microsoft
Miktub: 6/20/2007 12:22:32 PM
Awtur: maltarightnow.com

Fi stqarrija li ħarġu l-MŻPN feraħ lil l-erba' studenti universitarji Maltin mid-Dipartiment tal-Computer Services and Artificial Intelligence ta' l-Universita' ta' Malta li rebħu kompetizzjoni reġjonali tal-Microsoft imsejħa Image Cup. Dawn l-istudenti issa se jikkompetu f'finali li se ssir ġewwa l-Korea t'Isfel f'Awwissu li ġej.

L-MŻPN qalu li għal darb'oħra din hi konferma tal-kapaċita' taż-Żgħażagħ Maltin li qegħdin jaħtfu l-opportunitajiet li qegħdin jingħataw lilhom u jibdluhom f'suċċess kemm għalihom kfi ukoll għal pajjiżna. Dan ikompli mas-suċċess li kisbu grupp ieħor ta' studenti Maltin mill-Kulleġġ ta' St Martins Institute for IT li f'eżamijiet mill-Universita' ta' Londra fil-qasam tat-teknoloġija u l-Informatika ġew l-ewwel fid-dinja. Is-sena li għaddiet ukoll l-istudenti ta' l-MCAST kienu kisbu suċċess u ġew fit-tieni post f'kompetizzjoni internazzjonali.

L-istqarrija tal-MŻPN tkompli tgħid li l-Universita ta' Malta u l-MCAST li llum jilqgħu fi ħdanhom eluf ta' studenti Maltin u Għawdxin hu investiment qawwi fil-ġejjieni tal-pajjiż, fl-industrija, fil-kummerċ u fis-servizzi. Is-suċċess li qed iġibu lejn pajjiżna ż-żgħażagħ u l-istudenti Maltin u Għawdxin hu frott tal-kapaċita' ta' l-istess żgħażagħ u studenti u ta' l-investiment qawwi li qed isir fil-qasam edukattiv li hu investiment fil-ħiliet, fil-kapaċitajiet u fl-għerf tal-bniedem bħala riżors u bħala kapital uman.



© 2004-2007 - Media.Link Communications Co. Ltd - www.maltarightnow.com